U kien hemm ferħ kbir f'dik il-belt!

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

Atti 8, 5-17; Salm 65 (66); 1 Piet 3, 15-18; Ġw 14, 15-21

Hemm vers fil-qari li l-Knisja qed tippreżentalna llum li jiena u nirrifletti u nipprepara dan il-ħsieb laqatni ħafna. Il-vers hu fi tmiem l-ewwel paragrafu tal-ewwel qari mill-Atti tal-Appostli "U kien hemm ferħ kbir f'dik il-belt!" U meta tiftakar liema kienet dik il-belt, tinduna aktar u aktar kemm hu qawi dan il-vers. Il-best li mar iħabbar lil Ġesu' fiha kienet il-belt tas-Samarija. Kienet dik il-belt li n-nies tagħha qabel kienet irrifjutat lil Ġesu', u lid-dixxipli tiegħu illum narawhom jilqgħu lil Filippu u lil Kristu li kien qiegħed ixandrilhom. U bis-saħħa t'hekk, l-qari jkompli jgħidilna, "kien hemm ferħ kbir f'dik il-belt."

Minjaf x'ħass hux Filippu sakemm iddeċieda li jkun f'dik il-belt! Minjaf kemm beza' jersaq lejn il-belt tas-Samarija u lejn in-nies tagħha! Minjaf kemm ħaseb li se jkun irrifjutat hu wkoll bħalma kien irrifutat Ġesu' u d-dixxipli tiegħu!

Minjaf kemm nibżgħu aħna wkoll nażżardaw inħobbu għax nibżgħu li nkunu irrifjutati minn ħaddieħor. Minjaf kemm nippreferu bħala individwi - forsi wkoll bħala Knisja - nippreferu mmorru fejn inħossuna komdi u milqugħa diġa' għax nibżgħu li nkunu rrifjutati.

Imma Ġesu' ma jħobbx iħallina komdi. Jekk int qed tħossok komdu fil-fidi tiegħek, sinjal li mhux qed tgħix il-fidi tiegħek b'mod qawwi biżżejjed. Ġesu' il-ħin kollu jimbuttana biex nagħmlu pass ieħor 'l quddiem. U llum ukoll qiegħed jitlob minna li nagħmlu pass ieħor 'l quddiem. Meta Ġesu' jgħidilna, "jekk tħobbuni tħarsu l-kmandamenti tiegħi," li qiegħed jgħid hu li l-prova ta' kemm inħobbu verament lil Ġesu' hi kemm aħna lesti li nwettqu l-kmandament tiegħu. U l-kmandament ta' Ġesu' fl-Evanġelu ta' San Ġwann nafu x'inhu: hu stess qalilna fl-istess diskors li qed naqraw parti minnu llum. Qalilna, dan hu l-kmandament tiegħi: li nħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Fi kliem ieħor, qiegħed iħeġġiġna biex noħorġu minna nfusna u nħobbu lill-oħrajn kif ħabbna hu. Dan li għamel Filippu, u dan li qiegħed jistenna minni u minnek illum.

Dik il-biża li seta' ħass Filippu nistgħu inħossuha aħna wkoll. Kif se jirnexxili nħobb lil dawk li qabel għamluli tant ħsara? Kif se nħobb lil dawk li d-dinja tistkerrahhom? Kif tista' l-Knisja tħobb lil dawk li f'għajnejha dejjem rathom bħala midinbin u li ma aċċettawx lil Kristu?

Ġesu' qalilna kif se jirnexxilna nagħmlu dan: Ġesu' bagħtilna id-Difensur li se jkun magħna. Id-Difensur hu l-Ispirtu s-Santu, issoltu nafuh fil-Bibbja b'immaġnijiet aktar sempliċi, bħall-ħamiema li ġġib il-paċi. Imma llum Ġesu' jippreżentalna simbolu daqstant ieħor sabih u qawwi: l-ispirtu hu d-Difensur (m'għandu xejn x'jaqsam mal-football). Li jfisser dak li jaqbeż għal min qiegħed jibki. Huwa dak li jġib il-paċi mhux għax jikkalma l-ġlied jew isikket b'mod superfiċjali imma għax jurina l-verita'.

L-imħabba u l-verita' qishom żewġ naħat tal-istess munita. Il-verita' tħoll l-inġustizzji; il-verita' twaqqi l-qalb ta' min u dgħajjef; il-verita' turi t-triq lil min hu mitluf. Meta noħorġu minna nfusna biex inħobbu tassew, inkunu qed inwittu t-triq biex isir dan kollu, u ma nkunux qed nagħmlu ehkk waħedna imma inkunu qed nagħmlu hekk bis-saħħa tad-Difensur li bagħtilna Ġesu'.

Nixtieq nagħlaq billi nqiegħed proposta quddiemkom. Minjaf kieku kellna - jien magħkom - infittxu lil xiħadd, jew grupp ta' nies li diffiċli nħobbu u nipprova nħobbhom kif ħabbni Ġesu' bl-aħjar mod kif nista' nagħmel dan bħal issa? U aħna u nagħmlu hekk, aħna stess inkunu qed ninkarnaw dak l-Ispirtu, id-Difensur li Kristu wiegħed li se jagħti lid-dinja. Hu wegħdna li se jibgħatilna d-Difensur li jiġi ġo fina u li mhux se jħallina iltiema, u li se jibqa' magħna għal dejjem. Imma ma nistgħux inżommuh għalina biss. Irridu wkoll nagħmlu l-pass li nħallu lil ħaddieħor jesperjenzah hu wkoll billi nħobbu lil xulxin. Imbagħad...ikun hemm tassew ferħ kbir f'dik il-belt, f'dik il-persuna li permezz tagħna tkun għarfet l-imħabba tal-Missier.

Comments